Category: Tberfil

“Mur. Fl-aħħar qtajtha xewqtek.”

“Mur. Fl-aħħar qtajtha xewqtek. Kont ilek teqred għaliha din!”

Hekk qabbiżni mid-dar ilbieraħt lura missieri Ċensu meta għall-ħabta tal-16:45 sellimtlu biex immur lejn Pjazza San Ġorġ sabiex flimkien ma’ sħabi, nikkordinaw l-aħħar tentufiet dwar il-Festa l-Kbira. Kienet tislima li ferrħitni għax apprezzajt li fis-silenzju tiegħu missieri kien wieħed mill-ftit li urewni li jafu x’fissret għalija l-ħidma b’risq dan l-avveniment u dik il-ġurnata. Kienet ukoll tislima li ħasditni għax erġajt ftakart li minħabba sitwazzjonijiet personali ma kienx ser ikun jista’ jgawdi, ta’ Belti li hu, dak li tul is-snin rawwem f’ibnu.

Sa minn San Stiefnu, Missieri kien iżarma l-ornamenti tal-Milied u jibda jipprepara sabiex jarma lil San Pawl fid-dar. Sa mis-26 ta’ Diċembru, il-marċi ta’ La Valette kienu jkunu akkumpanjament kontinwu speċjalment nhar ta’ Sibt u Ħadd meta ma kienx ikun xogħol. Kuljum praċett, il-casettes sofor jew ħomor li ġemma sa mill-1984 kienu jkunu hemm, lesti għal taħt idejh. Il-vuċi ta’ Charles Coleiro kienet issaħħarni bħal qisha tistiednek idduq kull silta mużikali daqs li kieku kienet tazza nbid, sal-aħħar qatra. Il-Marċi ta’ La Valette kienu jakkumpanjawna b’mod impekkabli sal-10 ta’ Frar. L-għada, il-Funebri tal-istess banda kienu jagħmlu l-istess sal-Ġimgħa l-Kbira. Sadattant Elvis, Cash, il-Beatles, Celentano, il-Creedance Clearwater Revival, il-Fleetwood Mac u s-selezzjonijiet ta’ Mario Laus kienu jibqgħu jittamaw li jqarreb is-sajf!

IL-FESTA L-KBIRA – Ritratt mill-isbaħ ta’ sieħbi Joseph Galea

Is-sajf kien jasal u hekk kif joqrob Awwissu, missieri dejjem kien iżerżaq il-casettes, din id-darba blu tal-Banda King’s Own jew l-LP bil-wiċċ stampat kbir tal-Maġġur Anthony Aquilina. Niftakru jispjegali li għalkemm aħna Pawlini, dawn il-marċi tal-Festa ta’ San Duminku huma biċċiet mill-isbaħ u erħilu jirrakkontali dak kollu li kien jaf dwarhom. U kif setà ma jżerżaqlix l-Agrigento, Forza Ċensina jew Balfrendozan!

Iva nista’ ngħid li fija Missieri, ta’ Belti kburi mill-Arċipieku li hu, qatt ma rawwem firda iżda prinċipji. Prinċipji Pawlini ta’ rispett komplut. Rispett u apprezzament lejn dak li huwa tagħna u jagħtina identità iżda anki lejn min mhux tal-istess parroċċa, festa jew każin. Missieri, anki qalb xi tikka nkejja, dejjem spjegali kif kulħadd jiżbalja u li fuq kollox aħna Beltin u familja.

Is-snin gerrbu. Illum jien membru kburi fil-Kumitat tal-Għaqda tal-Pawlini u sa mill-2013, impjegat u aktar tard uffiċjal tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Fl-ewwel snin ta’ din l-esperjenza kont naħbat ma nies li kienu jhewdnu bħali: “issa kieku xi darba noħorġu l-erba’ qaddisin flimkien, mhux sabiħa tkun Pawl?”. Jgħidielek wieħed, tnejn, tlieta; kont iddeċidejt li nimbotta din l-idea. Għall-bidu kollox kien għat-telgħa u l-idea ma sabitx art fejn tinbet iżda hekk kif tfaċċat id-Direttriċi Catherine Tabone, kollox inbidel. Is-Sinjorina Tabone mill-ewwel offrietli li tkun spalla sabiex l-idea sseħħ u kelli ndikazzjoni li hekk kif tispiċċa l-ħidma relatata mal-ftuħ tas-sena 2018, nitfgħu rasna hemm sabiex nibnu qafas. U hekk ġara. Niftakar li waqt laqgħa marbuta mal-parteċipazzjoni tal-komunitajiet Beltin ġewwa Fortress Builders kien is-Sur Edward Bonello li ħeġġiġna nagħtu prijorità lil din ix-xewqa tal-Beltin u hemmhekk anki c-chairman Jason Micallef kien wiegħed li t-talba mhux ser taqa’ fuq widnejn torox.

Parti mit-tim. 4 Ġirbin u 3 Beltin.

Kelli l-inkarigu li nkun vuċi għal din il-ħolma tal-Beltin u kont koordinatur tal-proġett. Biss kont fortunat li sibt miegħi Maniġer tal-produzzjoni u ħabib mill-aqwa Christopher Cassar – ġirbi kburi li jħobb lin-nies u li jaf jaqbad il-ħolm u jwettaqhom fil-prattika. Flimkien, fassalna pjan ta’ ħidma b’sensiela ta’ ideat li umbagħad flimkien mal-kollega u ħabib Albert Dimech, ressaqna quddiem rappreżentanti tal-Għaqdiet Beltin li jorganiżżaw il-Festi kif ukoll dawk tal-Baned. Kif qal Luqa meta San Pawl wasal Malta, l-istess aħna dwar l-Għaqdiet. Sibna kollaborazzjoni liema bħalha. Kellna numru ta’ laqgħat li fihom ir-rispett li ntwera għamilni aktar kburi b’dan il-poplu u b’dan il-proġett ħolma.

Hekk kif bdejna nħabbru li ġiet identifikata data, kien hemm bħal sens ta’ inkredulità. Tassew mhux faċli timmaġina ħolma sabiħa li tkun ilek toħlom fir-realtà. Fi ftit ġimgħat il-Beltin xegħlu; kulħadd jitkellem dwar il-Festa li ġiet imlaqqma “il-Kbira”. Ħdimna flimkien ma’ kollegi bħal Marcia Grima, Giuliana Barbaro-Sant u Victor Jacono anki fuq livell informali sabiex nibnu fuq l-esperjenza tal-ftuħ tas-sena u nkomplu nħeġġu lill-Beltin jersqu lejn il-Fondazzjoni.

Kienet esperjenza tassew unika. U ta’ dan huma xiedha d-dmugħ ta’ ħafna Beltin li ġenwinament bkew meta raw l-erba’ vari titulari li tant jiddefinixxu l-identità tagħna mexjin ħaġa waħda tul l-arterja prinċipali tad-dar tagħna. Xhieda ta’ dan ukoll kienu d-dmugħ tal-għażiż Joe Mizzi ‘Kurun’ li f’Awwissu li għadda, xahar qabel ħalliena, tgħidx kemm dam ifakkarni li mportanti l-għaqda bejn il-Beltin, hu x’inhu l-pinċipju reliġjuż jew il-kulur politiku. Kien ħolmu huwa wkoll is-7 ta’ April 2018.

Titwila lil Pawlu qabel xejn!

Xil-17:00 jiena kont fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl. Għaddejt sellimt lil Pawlu u tlabtu barka u sapport sabiex il-lejla tkun memorabbli u li tħalli l-ġid. Bħal dejjem, semgħani. Għalkemm għall-ewwel darba wara 37 sena ma rajtux ħiereġ mill-Knisja u għalkemm ma stajtx ingawdi l-Festa l-Kbira mal-bqija tal-Beltin, inħossni tassew ixxurtjat li stinkajt sabiex twettaq mument kruċjali tal-istorja ta’ Belti u fuq kollox, niesha.

Ninsab grat lejn kull min ġie qal grazzi. Grat lejn il-ħaddiema l-aktar siekta li kien hemm tul l-attività kollha. Fuq quddiem il-kappillani, arċipriet u pirjol tal-komunitajiet Beltin. Grat lejn it-tim li kellna – lista twila ta’ persuni li ħadmu magħna bħala koordinaturi, hosts jew maniġers ta’ sezzjonijiet varji. Grat lejn dawk tal-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija, ta’ Transport Malta u Malta Public Transport, tal-Ferries u l-barklori u dawk tal-Cleansing Units li fi ftit siegħat naddfu kemm qabel kif ukoll wara l-attivitajiet li kellna. Grat lejn il-Kurja. Grat lejn il-membri tal-Kunsill Lokali li ssapportjawni. Grat lejn il-pubbliku li attenda u mexa mal-istruzzjonijiet b’mod mill-aktar ċivili.

Ritratti ta’ sieħbi Sebio Aquilina

Diġà għaddew jumejn. X’fadal minn dan kollu? Naħseb ħareġ biċ-ċar li l-kultura ma hix xi ħaġa li jfasslu jew jiddettaw xi maniġers, diretturi, diretturi artistiċi, artisti jew xi kritiċi tal-arti. Il-kultura hija sensiela ta’ prattiċi ta’ ħajja, mibnija minn poplu. Prattiċi ordinarji, komuni għall-membri ta’ dak il-poplu u li fihom l-istess membri jsibu xi forma ta’ valur.

Ritratt ta’ sieħbi Carl Farrugia

Il-prattika tal-Festa f’kull belt u raħal f’Malta hija ntrinsika mal-kultura tal-poplu Malti. Prattika ħelwa li tiġbor fiha valuri reliġjużi, artistiċi u edukattivi mwassla minn ġenerazzjoni għall-oħra tul is-snin. Ma kinetx tkun sena kompluta kieku l-Festa ma kinetx fil-qalba tal-programm kulturali li ġie mfassal – u ta’ dan illum inħossni kburi.

Il-kultura tal-Beltin hija kultura ta’ ferħ, mużika, kulur, disinn u kreattività. Ħareġ ċar li l-Beltin konxji mid-dritt li joħolmu u jwettqu. Ħareġ ċar li kif għallimni missieri, il-Beltin jafu li huma iktar b’saħħithom flimkien milli għal rashom. Fuq kollox ħareġ ċar li fejn hemm il-ħolm u l-koordinazzjoni bejn kull saff tas-soċjetà li ngħixu fiha, dan l-istess ħolm, jasal jitwettaq. Minn dejjem kellu raġun missieri…”

Ejjew nibqgħu noħolmu u nkunu protagonisti flimkien, għeżież Beltin!

Ġimgħa kbira

Sfortunatament illum ma stajtx ingawdi t-tifkira ta’ dan il-jum partikolari kif kelli ppjanat. Kelli nċedi għall-mard, forsi ma tafx kif inkun aħjar fi ftit siegħat.

Kont qed nisma’ il-kummentarju sabiħ ta’ Ġorġ Peresso. Sabiħ tassew għax bħal donnu poeżija imma ħasra li jintilef kompletament il-ħoss reali tal-folla u ż-żaqżieq tal-bsaten fuq dahar ħuti l-Beltin. Minn dari nista’ nisma’ il-banda ftit sekondi qabel il-ħoss tagħha jivjaġġa sat-televiżjoni waqt il-ħruġ tar-redentur.

Illum xtaqt nikteb. Imma ma kontx naf dwar xiex. Għaddew wisq ħsibijiet tul il-jum. Ma stajtx insib tarf! Il-persunaġġi tal-purċissjoni li llum m’għadhomx magħna? Minn Bruno, Cumbo sa Cremona. Ix-xewqa li nara ż-żewġ baned Beltin isebbħu din l-okkażjoni flimkien? L-aħbar li l-Papa Franġisku abolixxa l-infern? Il-karba għall-ispirazzjoni biex forsi nerġa’ nibda nsib l-arti? Il-frustrazzjoni għal persuni li joħolmu li dawn id-drawwiet jitfarrku imma mbagħad tilmahom isegwuhom fit-toroq tal-Belt?

Ftit tal-ġranet ilu xi ħbieb barranin qaluli “jekk f’Malta tkun trid tibqa’ lil hinn mir-reliġjon, jgħamluhielek tassew diffiċli”. Dak il-ħin bħal donni qbilt għax naf li l-preżenza reliġjuża hija evidenti u qawwija f’kull kuntest Malti. Iżda llum għidt bejni u bejn ruħi “kemm tgħamilha aktar diffiċli din is-soċjetà sabiex tinjora kollox u tintilef fil-ħmerijiet u bluha? Kemm huma iktar goffi l-konsumeriżmu, il-ġenn tax-xogħol u t-telfa tal-valuri?”

Kemm hu sbejjaħ il-baħħ ta’ dan il-Jum! Kemm hu sabiħ il-baħħ fuq wiċċ l-għorrief li jitkażaw bit-riti mill-iktar emozzjonali li missirijietna għaddewlna. Kemm huma sbieħ dawk it-tniebri li f’mota mnikkta jixħtu dawl fuq twemmin li rawwem din il-kultura Maltija.

Il-purċissjonijiet ħarġu. Peresso mhux jinstema’. Din is-sena mhux ser niġbor qronfol minfuq id-Duluri. Is-sogħola għadha għaddejja bħar-riklami ta’ każijiet traġiċi qabel il-maratona ta’ Xarabank li jqabbdu dwejjaq bl-idea li jġegħluk iddaħħal idejk fil-but. Terapija: bela’ té, biċċa qagħqa tal-Appostli u nipprova nħażżeż ftit kuluri fil-forma ta’ mara.

Ritratt: Philip Camilleri

Kalendarji

Illejla l-kalendarju 2017 jintrema.

F’din il-kultura għaġġelija, ħafna drabi narmu miegħu ħafna memorji ta’ esperjenzi li seħħew tul dawn it-365 jum u naħsbu li għada b’xi maġija, kollox se jkun aħjar, ilellex u melodjuż mingħajr ma nissugraw intajjru xi difer.

Il-poplu għandu stennija kbira għal għada; għall-2018. Imma għada forsi jistenbaħ u jinduna li kollox bħal qabel. Mard qalil ifarrak lil nies li tħobb; pulizija u ħallelin jiġġerrew mas-saqajn; klieb u qtates ifittxu saqaf; rutini morda mposti fuq irjus il-ħaddiem; sigaretti bħal sponoż, jixorbu l-ħajjiet ma’ kull nifs; ġebel nieżel minn mas-swar; spazji ta’ parkeġġ spiċċut u permessi tal-MEPA mwaħħlin ma’ kull kantuniera taħt dell it-torrijiet.

Quddiemi, is-santa tal-mewt ta’ ħabibti Sabrina. Nimmaġinaha tipprepara biex illejla tmur tiċċelebra l-ewwel jum tal-2018 imma għal realtajiet li ma nifhimx, il-ħajja ta’ Sabrina ntemmet qabel ma armejt dan il-kalendarju 2017. U magħha, nies oħra inħarġilhom permess jiċċaqalqu minn hawn.

L-2017 ngħożżha bħala żmien fejn ħlomt u ġġilidt għal dak li tassew xtaqt u emmint fih. Ngħożżha fuq kollox għall-ħbiberiji li waqt il-maltemp sibthom hemm isalvawni u vjaġġi ma’ persuni speċjali. Kemm stennija għall-ewwel jum ta’ Jannar. Forsi l-iktar jum umli fosthom wara kollox. Imma tassew. Kemm stennija? Kemm ħoss! Kemm xewqat u ħolm!

F’dan il-ħin, qabel immur nieħu grokk, noħlom li nista’ ngħix jum wara jum, f’paċi, f’serħan il-qalb. Noħlom li l-poplu jibda sena ġdida kuljum, kull sekonda. Li kulħadd jemmen li kull jum jasal biex tibda mill-ġdid u mhux biex iġġorr ktajjen antiki. B’dan is-sottofond mużikali ta’ Anouar Brahem, noħlom li nista’ ninfexx f’poeżija li ma tintemm qatt f’tgħanniqa mal-maħbuba u narmi l-kalendarji kuljum.

Awguri lilkom qarrejja!

Ċaw teżor! – Tislima lil Sabrina Carabott

L-isbaħ ġuvni tal-univers, jew aħjar, San Lawrenz, dalgħodu qaleb is-siegħa u stenbaħ bik ħdejh Sab! Forsi bħali ma stennikx daqshekk malajr, imma l-ġlieda li ġġilidt, ta’ mara kuraġġuża li dejjem kont, kienet iebsa u kiefra.

Ħallejtek ilbieraħt lura bi ftit kliem. Kellek kull intenzjoni li titbissimli għalkemm lanqas dik ma baqgħet xi ħaġa faċli. Sejjaħtli hekk kif dħalt ħdejk u fil-ftit ħin li qattajt ħdejk ħassejtek kalma, f’ċertu paċi – minn dik li kull gwerrier ikollu anki jekk iħoss li t-taqbida ser tirbaħlu.

Meta fl-1998 dħalna nistudjaw fiċ-Ċentru tal-Arti u d-Disinn Emvin Cremona, fil-Belt Valletta kont insib gost fil-mod xejn raffinat kif kont tirrelata. Risposta lesta għal kull inkejja, tbissima u daħka għal kull mument sabiħ u kelmtejn ċari u tondi għal kull kedda. Wara sena kont iddeċidejt li tieqaf għax ma ssaportejtx ir-rutina ddixxiplinata żżejjed tad-disinn. Ridt tesplora u ridt tkun man-nies. Ridt tiġri, tifraħ u tferraħ. Kont mimlija entużjażmu.

L-istess fil-lezzjonijiet tal-arti li konna mmorru filgħaxijiet flimkien fil-Belt. Id-dixxiplina żejda kienet tkiddek. Għax in-natura tiegħek kienet dejjem dwar spontanjetà, kulur, espressjoni u emozzjoni. Niftakrek taqsam miegħi ħsibijiet u kitbiet. Uħud dwar l-arti, oħrajn dwar l-isports, il-familja, il-politika u r-reliġjon. Niftakrek tipprova tikkonvinċini li b’xi mod il-Birgu hija belt isbaħ mill-Belt Valletta jew li ta’ San Lawrenz festa isbaħ minn tan-Nawfragu! U ħallina Sab!

Gerrbu s-snin. Il-kaxxa tat-telefon ta’ Triq Merkanti ma’ bqajtx nużaha u llum lanqas biss għadha hemm. Minjaf x’kienet taħseb Annie ta’ Sultana tal-gazzetti, alla jaħfrilha – jekk qatt innutat li wara li nixtri telecard kont niġi nċempillek ftit u ndumu xi siegħa nieħdu ras xulxin!

L-aħħar darba li tkellimna sew f’dik il-kamra l-isptar, tarrafna ħafna memorji lil xulxin u l-ammirazzjoni reċiproka li kellna għal xulxin. Ħbiberija sempliċi u ġenwina. Kuntent li sibna ħin nitkellmu u ngħidu dak li dejjem ħsibna.Fi żmien l-10 t’Awissu gawdejna ftit mumenti mill-festa ta’ Lawrenz. Int kont għal qalbek ovvjament. Ħadt gost inlaqqek ma’ nies li llum huma mportanti għalija. Anki huma ħadu gost li saru jafuk. Illum kburi li fl-aħħar xhur kellna ċans nerġgħu nitkellmu ftit. Ħadt gost nerġa naġġorna ruħi fl-avventuri tiegħek madwar id-Dinja u kull ħolma u ħsieb li kellek. Ħadt gost ukoll nemmen li jien stajt kont ta’ sapport f’mument iebes ta’ din l-avventura li jisimha ħajja; u li int għaraft tgħix b’entużjażmu sħiħ.

Int tlaqt. Kien għad hawn bżonn tal-brijju tiegħek imma konvint li bħalissa l-ispirtu tiegħek jinsab serħan. Kif għidtlek, kulħadd għandu kliem ta’ tifħir dwarek u dan l-aqwa ċertifikat li ġbart minn din il-ħajja. Ċertifikat li minnu gawdejna xi naqra wkoll aħna li missejna mal-karattru spontanju u ġenwin tiegħek.

Ħa nieqaf hawn. Il-memorja tiegħek ankrata hawn. L-imħabba lejn Malta u lejn il-Birgu fuq kollox. L-imħabba lejn il-ħajja u dak kollu li jġib avventura, ferħ u paċi. Tassew teżor tal-ġirbin! Grazzi u prosit

Gent

Rasi baxxuta, ġismi għasra. Ninnota s-swaba ta’ saqajja mrassa fuq art tiżloq. Il-qtar jiżżerżaq ma’ wiċċi, spallti, sidri, żobbi u saqajja sa ma jintelaq fl-art. Il-fwar jgħannaqni f’dil-kaxxa fejn ġismi nħossu sabiħ.

Illum irħejtilha lejn Gent. Reuben xogħol u l-konverżazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne mhux ser inkompliha waħdi. Suġġett li għoddu għejjieni fil-kuntest tal-aljenazzjoni tal-poplu Malti, li ftit jemmen f’rivoluzzjoni u mhux protesta jew dimostrazzjoni bix-xemgħat.

Fl-aħħar ħadt togħoma tajba ta’ Brussell. Reuben dewwaqni ħafna inħawi mill-isbaħ. L-ewwel impressjonijiet ma kienu xejn tajbin. Ilmaħt il-belt marida mill-ħakma tal-istituzzjonijiet. Dak li Mario Vella jsejjaħlu qaħba li milli jkollha ttik. Żgħażagħ ambizzjużi għal karriera iżda mhux għal xi emozzjoni, relazzjoni jew kultura. Żgħażagħ għomja bil-wegħda tlellex ta’ appartament f’dil-belt.

Ix-xita bħal sprejj. Ma tieqaf qatt u bilkemm tinduna li qed ixxarbek. L-irxiex ma’ wiċċi jiddieħak bir-ristoranti tan-nofsinhar li jarmaw il-fannijiet biex itaffu s-sħana lill-klijenti.

Illum kelli aptitha. Xtaqtha ħdejja b’qalziet tal-paġama u l-flokk tal-qattus imdejjaq. Xtaqt ir-riħa tagħha terġa’ tinstalla ruħha fis-sistema. Xtaqt it-togħoma ta’ xufftejha f’nofs sentenza. Gost intellef il-kostruzzjoni ta’ sentenza b’bewsa.

Il-period wasal. Inqas stressjata għalkemm ix-xogħol ma jagħtix nifs. Kultant ma nifhimx xi jżommna milli naqilbu ħajjitna ta’ taħt fuq u nfittxu s-serenità minflok il-ġenn ta’ karriera inutli.

Miktuba 23 ta’ Ottubru 2017 fil-Belġju


Gent

My head hangs low, my body drenched. I feel my toes grip the slippery ground. Droplets trail down my face, shoulders, chest, penis, and feet before surrendering to the floor. Steam envelops me in this box where, for a fleeting moment, my body feels beautiful.

Today, I took myself to Gent. Reuben’s at work, and I can’t bring myself to continue the conversation about Daphne’s murder on my own. It’s a subject that drains me, tangled in the alienation of a Maltese people who hardly believe in revolution. A protest or a candlelit vigil is all they can muster.

I’ve finally got a good taste of Brussels. Reuben helped me see glimpses of its hidden beauty. My first impressions were grim, though—of a city choking under the grip of its institutions. What Mario Vella calls “a whore who offers nothing but what she has.” Young people here chase ambition, but not emotion. Not relationships, not culture. They’re blind to anything beyond the lure of a promised apartment in this city.

The rain falls like mist, never quite stopping. You barely notice how soaked you’re getting. The light drizzle on my face mocks those southern restaurants, with their fans spinning desperately to ease the heat for diners.

I craved her today. I wanted her here beside me, in her pyjama bottoms and that sad-cat T-shirt. I wanted her scent to root itself back in my system. I wanted the taste of her lips, mid-sentence. I love interrupting the construction of a thought with a kiss.

The cycle has arrived. She’s less tense now, though the work still takes its toll. Sometimes, I wonder what holds us back from flipping our lives upside down, abandoning this chaos of meaningless careers to search for serenity instead.

Written on October 23, 2017, in Belgium

Għeliem ta’ Joeaby Vassallo

Marki/Sinjali … jew ahjar Għeliem. Fil-qalba ta’ din il­-kollezzjoni ta’ xogħlijiet grafiċi nsibu appuntu dan. Sa mill-bidu ta’ żminijietu, il-bniedem fittex Ii jimmarka jew iħażżeż sinjali u marki sabiex jimmarka territorji jew jesprimi l-ħsibijiet tiegħu. Jekk nitilqu mill-għerien f’Lascaux u niġru saċ-Ċentru Kulturali, Dar il-Pawlini fi Triq l-Arċisqof, insibu dik l-ambizzjoni komuni. Ix-xewqa tal-artist Ii jesprimi l-kwotidjanità tiegħu; dak Ii hu intimu u personali, iżda wkoll dak li hu iktar prattiku. Filwaqt Ii ċ-ċriev, barrin u żwiemel f’Lascaux kienu s-suġġett qrib għall-artist Paleolitiku, naraw kif il-forom geografiċi ta’ Malta, huma l-ossessjoni artistika ta’ Vassallo.

Matul il-preparazzjoni ta’ din l-esibizzjoni, spiss użajt il-kliem “logħba” u “esperiment” mal-artist. Fix-xogħol grafiku tiegħu, Vassallo jittanta l-għajn ta’ min jara xogħlu. Mumenti tara kwadri suwed, oħrajn tara linji stabbli u f’oħrajn linji jiżfnu. Qabel ma tiffamiljarizza mad-disinji, diffiċli tifhem. L-istess bħal-logħba tal-ħajja; mhux kollox huwa immedjat, mhux kollox ċar, u trid iż-żmien biex tifhem.

Inħoss ukoll li din il-kollezzjoni hija wkoll esperiment. Esperiment mekkaniku/grafiku fejn bl-uċu tal-linja, dritta jew mgħawġa, I-artist jesperimenta fuq lingwaġġ ta’ forom. Ħafna drabi Vassallo jirnexxielu joħloq forom permezz ta’ nuqqas ta’ linji. Huwa appuntu n-nuqqas ta’ intervent Ii joħloq suġġett. In­-negattiv li jsir protagonist. U hawn fejn il-‘qarrej’ tax-xogħlijiet irid ikollu għajn tajba biex jifhem dan.

Nemmen li filwaqt li dan huwa biss bidu għall-futur kreattiv mill-aktar interessanti għall-arkitett Vassallo, dan huwa wkoll eżempju ċar ta’ kif il-kwalitajiet akkademiċi u artistiċi jistgħu jiltaqgħu u jwelldu lingwaġġi ġodda Ii jisfidaw liż-żewġ dinjiet.


Għeliem by Joeaby Vassallo

Marks/Signs … or better so Għeliem. At the heart of this collection of graphic works we find precisely that. Ever since the dawn of mankind, man has always sought to come up with symbols and marks in order to mark territories and express himself. Moving from the caves of Lascaux, heading towards the Cultural Centre, Dar il-Pawlini in Valletta, we find a common ambition. The artist’s wish to express ordinariness; what is intimate and personal, but also that which is practical. Whereas the deer, bulls and horses in Lascaux were the subject closest to the Paleolithic artist, it’s the Maltese geographical forms that obsess Vassallo’s artistic soul.

During the course of preparations for this exhibition, I often used the words ‘game’ and ‘experiment’ with the artist. In his graphical work, Vassallo stimulates the eye of the viewer. Moments you see black frames, but at times these turn into lines which are stable whilst in others, they dance. Before you familiarise yourself with the designs, it is difficult to get hold of them. Same as in the game of life, nothing is immediate, none is clear, and only time can assist.

This collection is a mechanical/ graphical experiment where the artist uses lines, straight or otherwise, to create a language of forms. In a number of instances Vassallo manages to create forms in the absence of lines. Here, the lack of intervention defines a theme. The negative becomes the protagonist. It is here where the ‘reader’ must have a good eye to come to terms with the conceptual thinking and execution.

I believe that while this is only the beginning of an interesting creative future for architect Vassallo, this is a clear example how academic and artistic qualities can fuse and give life to a language that challenges both worlds.

Dalam

“Dalam…”

Hekk bdejtha l-poeżija nkwetanti tal-bieraħ. Poeżija li frankament ħadd mhu ser jinteressah jaqra.
Għax x’jinteressah il-bniedem minn bniedem ieħor meta dinjietu hija biżżejjed miżgħuda stejjer u rakkonti.

Hawn biss dlam…

Fost tbissim irreċtat bla ħadd jissuspetta l-bikja wiesgħa taħtu, kulħadd kuntent, kulħadd ferħan.
Fost rutina marida li tistħajjilha bħal kankru kiefer, tirkeb fuq fjur kull uman, u tnaqqru bla ma jinduna.
Fost ideat sfurzati, konsum ta’ flus.
Fuq drone ninnota s-sajf miġnun, mgħobbi kondoms użati u nisa attrajenti, nofshom diġà tqal. Minjaf x’inhu l-aħjar?

Kantanta tistona, tfajla tinża, tmiss lilha nfisha, u jien inpenġi jew nikteb il-ħolma fis-siegħa u għoxrin ta’ filgħodu. Infittex sens, jew ġenn. Infittex xi ħaġa ċara.

Konverżjoni

‘Konverżjoni’

Intriganti din il-kelma. Speċjalment għal Pawlin, illum fil-25 ta’ Jannar. Skond id-dizzjunarju ta’ Aquilina, din il-kelma tirreferi wkoll għal bidla, eżempju, ta’ flus jew direzzjoni fiżika.

Sforz ir-reliġjon u l-kultura artistika li kbirna fiha, ix-xena tal-konverżjoni ta’ Sawlu dejjem rajniha bħala mument kważi kważi eleganti jew l’iktar l’iktar drammatiku. Biss, ftit minuti ilu wara li qrajt l-istatus ta’ Facebook ta’ sieħbi Stephen Baldacchino li ftit jiem ilu kien involut f’inċident tat-traffiku ikrah ħafna, ħsibt ftit dwar xi jkun mument li tassew jibdillek ħajtek ta’ taħt fuq.

L-ewwel ħsieb imur fuq dawk il-kompożizzjonijiet artistiċi li ninduna kemm huma wisq ‘l bogħod minn realtà. Anki riċerka sempliċi fuq Google, ressqitli riżultati li ġabuli tbissima, iżda fl-istess ħin aktar spunti ta’ riflessjoni… Hawn huwa eżempju:

Żgur li waqgħa minn fuq żiemel mhix daqshekk komposta kif irrakkuntaha Caravaggio. Nixtieq nimmaġina lis-suldat Ruman Sawlu jittajjar minn fuq żiemel (jew żieme ?) sfrattat u jinstabat għal wiċċu mal-art bla ebda grazzja. Minjaf forsi kiser kisra idu, tilef xi sinna jew spiċċa b’xi daqqa f’għonqu jew dahru li baqa’ jħossha fix-xhur ta’ wara. Naħseb xenarju iktar realistiku żgur. Xenarju ta’ iktar ‘impatt’ fil-veru sens tal-kelma. U appuntu hemm fejn inqabbel l-inċident ta’ Stephen ma’ episodju goff u li jaħsad.

Stephen kiteb:

“Il-Mulej jinqeda b’ħafna okkażjonijiet u ċirkustanzi biex jerġa’ jgħaqqadna miegħu. Uħud minnhom anka kemm xejn skomdi u forsi wkoll xi ftit diffiċli. Ħassra li mhux dejjem nindunaw li Hu jkun daqstant viċin tagħna! …meta nindunaw, m’hemm xejn isbaħ li niftħulu l-bibien ta’ qalbna u nħalluh jimlina bl-ispirtu divin tiegħu…”

Issa lil hinn mill-kuntest reliġjuż, li bħalissa mhux li huwa tant preżenti f’ħajti minħabba l-wisq firdiet li jġib miegħu, inħoss illi konverżjoni hija, appuntu, dik li tiftaħlek għajnejk biex tibda tifhem dak li kont għadek ma fhimtx għalkemm kollox kien ċar u tond quddiemek. Konverżjoni hija meta tiddeċiedi li għalkemm pruvajt kollox, iċċedi, tgħannaq emozzjoni diffiċli u b’imħabba tlebbet lejn triq ġdida. Konverżjoni ġġib magħha ħafna feriti, uħud gravi, uħud ma jfiqux… fiżiċi, mentali jew emozzjonali… imma ġġib ukoll nifs ta’ ħajja ġdida. F’mumenti ġġib sodisfazzjon u paċi. Ġġib opportunità ġdida…

Dal jum f’hekk qed niftakar u naħseb. Il-bżonn li ngħixu l-waqgħa b’mod komplut, kważi kważi daqs li kieku hija rigal. Imma forsi jien iblah… ma nafx. Forsi nifhem aħjar fis-siegħat u ġranet li ġejjin. Intom x’taħsbu?

Psewdo-artisti Maltin

Nota: Dan l-artiklu ġie miktub f’Diċembru 2013 u moqri waqt serata każwali li fiha numru ta’ artisti Maltin iltaqgħu fir-residenza tas-Sur Joe Philippe Abela, fl-istess xahar.

“Li tgħamel huwa att kreattiv. Id-differenza li tiddistingwi lill-artist hija l-livell ta’ użu tal-manwalità, idejh u kemm iħallihom liberi li jaġixxu – kemm fuq livell artistiku kif ukoll dak produttiv. Lili l-produzzjoni manwali tgħoġobni jekk toħloq, imma huwa inti li trid tfassal lingwagg personali u l-biċċa xogħol innifisha! Hekk kif jiġri fil-poeżija, li tlaħħam dinjiet varji permezz ta’ kliem u hi kapaċi tagħti forma viżibbli lir-ruħ ta’ kull oġġett, l-użu u s-sbuħija tagħhom.”[1]

Fil-ktieb tiegħu ta’ konverzazzjonijiet ta’ bil-lejl, l-awtur Marco Castoldi, intervistat minn Mauro Garofalo, jiddeskrivi l-maġija li kull artist huwa mitlub iwassal. Il-maġija li tibdel il-fakultà espressiva, f’oġġett. Il-maġija li tlaħħam ħsieb f’forma letterarja jew viżiva. Bi ftit immaġinazzjoni nifhmu wkoll li hemm referenza lejn dik il-maġija li tibdel ħsieb f’azzjoni. Fejn dak li huwa fil-kapaċità intelletwali tal-bniedem, jieħu forma, jiġi kkomunikat u allura jmiss lil ħaddieħor.

Fejn huma l-artisti Maltin? Min huma l-artisti? Anzi ha nsaqsi lilek li, bħali, tgħid li int artist jew tgħix minn fuq l-arti: X’inhi l-arti tiegħhek u lil min qed isservi? X’qed tgħid l-arti tiegħek u x’inhu l- iskop tal-eżistenza tagħha? Lil min qed tolqot?

L-artist. Min hu artist? X’jiddistingwi artist minn ħaddieħor li mhux? X’funzjoni għandu l-artist fis-soċjetà? Dawn il-mistoqsijiet jiġu f’rasi kull meta xi ġurnalist jieħu kummenti mingħand xi artisti li għal xi raġuni jew oħra, jippreferu jibqgħu anonimi. U hawn fejn nerġa nistaqsi l-funzjoni ta’ dan l-irwol. Nistaqsi l-ġenwinità ta’ dawn il-psewdo-artisti li ma jirrikonxxux ir- responsabbiltà li għandhom jerfgħu. X’inhi l-biżà li tesponi dak li tassew temmen? Xi ħsara tista’ issirlek li żżommok lura milli tgħid il-verità b’wiċċek minn quddiem? Tħossok waħdek? Għalfejn? Forsi huwa minnu dak li kien qal Baudelaire “ftit huma dawk li għandhom id-don li jaraw; iżda inqas dawk li għandhom il-ħila ta’ l-espressjoni”.[2]

U din il-ħila ta’ espressjoni mhix biss il-kapacità li terfa pinzell, iċċappsu biż-żebgħa u tħabbtu ma’ tila. Mhix biss il-kapaċità li twelled rima u ritmu. Li tlissen melodija mill-ifjen b’intonatura kristallina. Hija l-espressjoni li toħroġ libera, u allura sinċiera, mill-qalb, il-ħsieb li spiss jipprovoka u jaħsad. L-espressjoni li taf tistona jew tweġġga’ lill-għajn għażżiena iżda li taf iċċaqlaq qalb, triegħed pedament u tofroq f’żonqra Maltija.

L-artist huwa dak li b’wiċċu minn quddiem, jesprimi l-anarkija fi ħsibijietu f’forom sensorjali sabiex jinstiga libertà u jċanfar jew jikkritika dak kollu li jmur kontra l-libertà tal-ħajja – mhux biss dik umana. L-artist huwa dak li jantiċipa l-ħsieb komuni, iħoss il-polz tal-poplu u jesprimih jew jindika ħsieb, forsi mistur għall-massa. L-artist jitkellem meta l-massa tkun imbikkma, aljenata, imhedda jew imwerwra. U jgħamel dan biex ixerred emozzjoni li ċċaqlaq. Fi kliem Marco Castoldi, l-artist “jinħall mill-irbit ta’ kull konvinzjoni, poża jew pożizzjoni.” L-artist huwa politiku tal-poplu. Il-psewdo-artisti Maltin li jitkellmu biss minn wara l-ħasira li ma jmurx jintgħarfu u ma jkunux mistednin għall-ftuh tal-esibizzjoni faqgħa li jmiss, jqabbduni irritazzjoni.

Intemm dan il-ħsieb billi għal darb’oħra nikkwota lil Baudelaire li din is-sena, b’xorti tajba, kelli opportunità u ċans li naqra u nixtarr siltiet mill-kitba tiegħu fil-ktieb The Painter of Modern Life and Other Essays.

“Apparti dawk il-ftit eċċezzjonijiet, waħda jew tnejn, li m’għandix għalfejn insemmi, irridu nammettu li l-maġġoranza tal-artisti ma huma xejn ħlief annimali ta’ ċertu sengħa, artiġjani puri. Intelletwali tal-villaġġ u mħuħ sempliċi. Il-konverzazzjonijiet tagħhom, li huma neċessarjament limitati fi ċrieki dojoq, isiru, f’kemm ili ngħidlek, insopportabbli għar-raġel tad-dinja, iċ-ċittadin spiritwall tal-univers.”[3]

Nittama li aħna l-artisti Maltin inkunu għaqlin biżżejjed li naħarbu din id-deskrizzjoni b’kull ħila li għandna u b’irġulija magħna nfusna u mal-komunità kreattiva.


[1] Marco Castoldi & Mauro Garofalo (2008), In pArte Morgan, Elèuthera editrice. p.23

[2] Charles Baudelaire (2010), Painter of Modern Life and Other Essays, Phaidon Press Limited. p.11

[3] Charles Baudelaire (2010), Painter of Modern Life and Other Essays, Phaidon Press Limited. p.7 22

Il-Lotterija tal-VAT

Sal-ġurnata mqaddsa tal-llum għadni qatt ma ltqajt ma xi ħadd li rebaħ premju mill-Lotterija tal-VAT. Mingħajr l-iċken sorpriża, minn l-eluf kbar ta’ rċevuti li l-familja tiegħi tibgħat, lanqas qatt ma telgħat waħda.  Biss dan l-aħħar xi ħadd qalli li hawn xi ħadd maħbub sew max-xorti.

Jidher li fl-aħħar estrazzjoni li saret fis-sbatax ta’ Ġunju 2013, xi ħadd imwieled fl-1982, kien tassew furtunat! Apparti li telgħat irċevuta minn tiegħu, telgħat ukoll it-tieni waħda. Tassew fortuna. Iżda dan mhux biżżejjed. Il-persunaġġ misterjuż rebaħ l-akbar żewġ somom tal-ġurnata: €11,647.00 għal darbtejn! Dan jista’ jiġi vverifikat hawn.

Filwaqt li b’intenzjoni, ngħażel li ma nkunx sarkastiku għax ikun hemm min jispiċċa jitbaqbaq, nifraħ lil dan il-persunaġġ minn qalbi. Nirreferi wkoll mistoqsija lid-Dipartiment ikkonċernat sabiex jinvestiga għandux jintlaħaq ftehim fejn għallinqas ġukatur ikun jista’ jirbaħ darba biss f’kull lotterija – sabiex b’hekk jingħata iktar ċans ta’ rebħ lil nies varji… forsi jien, forsi, min jaf?!